Stħarriġ jew kwestjonarju huwa meta tintalab tagħti l-fehmiet tiegħek dwar suġġett wieħed jew aktar. Il-petizzjonijiet huma meta tintalab tappoġġa perspettiva, bħal bidla speċifika f’liġi.
Skont l-età tiegħek u min qed jorganizza l-petizzjoni jew l-istħarriġ, tista’ tipparteċipa b’modi differenti. Tista’ saħansitra torganizza stħarriġ jew petizzjoni inti stess. L-istħarriġiet u l-petizzjonijiet diġitali ħafna drabi jintużaw biex jilħqu aktar nies.
Dawn x’inhuma?
Stħarriġiet
L-istħarriġiet ħafna drabi jsiru biex jinkisbu l-fehmiet minn numru ta’ kbir ta’ nies li se jintużaw biex jgħinu fit-teħid tad-deċiżjonijiet, jew biex jiġi mistħarreġ x’jaħsbu n-nies dwar suġġett.
- Imla stħarriġ jew kwestjonarju online - forsi mqassam minn organizzazzjoni li taħdem mat-tfal.
- Imla kwestjonarju bil-miktub - forsi fi klassi tal-iskola.
- Xi ħadd jista’ jistaqsik mistoqsijiet - bħal f’intervista wiċċ imb wiċċ.
Petizzjonijiet
Il-petizzjonijiet normalment ikunu pjuttost formali u jinvolvu li tiffirma xi ħaġa li turi li inti tapprova jew taqbel mal-proposta mogħtija fil-petizzjoni.
Ir-riżultati jintużaw biex jinfluwenzaw deċiżjonijiet importanti, għalhekk jippruvaw jiksbu numru kbir ta’ firem. Dan jista’ jkun f’livell ta’ skola sa livell nazzjonali u globali.
- Il-ġenituri jistgħu jgħinu lit-tfal jorganizzaw petizzjoni biex jiksbu bidla f’dak li jiġi pprovdut fil-canteen tal-iskola, u l-firem tat-tfal kollha jiġu ppreżentati lill-prinċipal.
- Iċ-ċittadini jistgħu jingħaqdu flimkien fi grupp biex jiġbru l-firem għal bidla f’liġi, li mbagħad tiġi ppreżentata lil gvern.
Dawn huma ftit eżempji
Ħolqien konġunt tal-istħarriġiet għat-tfal
Hawnhekk, fuq il-Pjattaforma tagħna, nagħmlu stħarriġiet online dwar suġġetti li ġew deċiżi mit-tfal. Bħal x’għandhom bżonn it-tfal biex iħossuhom sikuri, il-bullying fuq l-internet jew l-inklużjoni soċjali.
It-tfal membri tagħna jgħinuna noħolqu l-istħarriġiet, u eluf ta’ tfal minn madwar l-UE jagħtu l-fehmiet tagħhom. Imbagħad naqsmu dak kollu li jkun intqal mal-adulti li qed jagħmlu l-liġijiet tal-UE.

Petizzjonijiet tal-UE
Fl-Unjoni Ewropea, hemm mod speċjali kif iċ-ċittadini jistgħu jressqu petizzjoni dwar suġġetti li huma importanti għalihom - biex jitolbu bidliet. Biex tibda petizzjoni tal-UE, irid ikollok 18-il sena, u dawn jistgħu jkunu fuq bosta suġġetti differenti, bħall-ambjent, id-drittijiet taċ-ċittadin jew il-protezzjoni tal-konsumatur.
Għalhekk jekk kellek xi ħaġa verament importanti li ridt taraha sseħħ, tista’ tikseb appoġġ mill-iskola jew mill-ġenituri tiegħek biex tibda petizzjoni fl-UE, jew fil-pajjiż jew fil-komunità tiegħek stess.

Wettaq l-istħarriġ tiegħek stess
Bħal Eva, membru żagħżugħa Spanjola tal-Bord Konsultattiv tagħna, inti wkoll tista’ torganizza l-istħarriġ tiegħek stess biex tikseb feedback dwar xi ħaġa li hija importanti għalik u biex iġġib bidla. Bħal fl-iskola jew fil-komunità lokali tiegħek.
Eva wettqet stħarriġ biex issir taf kif jaħsbuha ta’ madwarha dwar il-votazzjoni għal dawk li għandhom 16-il sena. Hija ppreżentat ir-riżultati fil-laqgħa tal-Bord Konsultattiv tal-Pjattaforma u fil-komunità tagħha.

