Biex it-tfal u l-adolexxenti kollha jkollhom ħajja hienja u sana, xi wħud għandhom bżonn ftit aktar appoġġ f’oqsma bħall-aċċess għall-edukazzjoni, il-kura tas-saħħa, in-nutrizzjoni jew l-akkomodazzjoni.
Biex jgħinu f’dan, il-pajjiżi tal-UE għandhom pjanijiet nazzjonali, iggwidati mill-Garanzija Ewropea għat-Tfal. L-UE kienet qed tirrieżamina l-Garanzija u l-pjanijiet, u l-Istrateġija tal-UE kontra l-Faqar, għalhekk kien importanti li tisma’ mingħand ċittadini tal-UE żgħażagħ taħt l-età ta’ 18-il sena dwar kif jaħsbu li sejrin l-affarijiet fil-pajjiżi tagħhom.
Mingħand min smajna?
- 41,736 tifel u tifla ta’ bejn it-8 snin u s-17-il sena
- mill-pajjiżi kollha tal-UE
- permezz ta’ stħarriġ online, 26 grupp fokali u 45 intervista individwali
- 52 % bniet, 43 % subien, 2 % oħrajn, 3 % ma xtaqux jgħidu
Filwaqt li bosta tfal jirrikonoxxu li jeżistu servizzi u li sar progress, l-aċċess mhux dejjem jiġi esperjenzat bl-istess mod, u l-ugwaljanza tad-drittijiet mhux dejjem tissarraf f’opportunitajiet indaqs fil-ħajja ta’ kuljum.
- Il-faqar jillimita l-parteċipazzjoni tat-tfal fl-attivitajiet ta’ kuljum u joħloq mistħija u esklużjoni, anke fejn jeżistu s-servizzi
- It-tfal jiddeskrivu diskriminazzjoni marbuta mad-diżabbiltà, l-etniċità, il-migrazzjoni, il-ġeneru u differenzi oħrajn
- It-tfal qalu li risponsi passivi jew inkonsistenti mill-adulti jdgħajfu s-sikurezza tagħhom u s-sens ta’ appartenanza tagħhom
- L-adulti ta’ fiduċja, l-appoġġ għas-saħħa mentali u l-ambjenti fejn it-tfal instemgħu kienu deskritti bħala importanti biex iħossuhom inklużi

- Meta jingħataw appoġġ, li jiġu ttrattati b’rispett, li jħossuhom sikuri, li l-privatezza tagħhom tkun protetta u li ma jiġux individwati
- Kostijiet affordabbli, mnaqqsa jew sussidjati sabiex il-parteċipazzjoni fl-attivitajiet tal-iskola, u l-aċċess għall-kura tas-saħħa, l-akkomodazzjoni u l-ikel ma jiddependux biss mill-introjtu tal-familja
- Appoġġ li jkun prattiku, f’waqtu u konsistenti, speċjalment għat-tfal foqra, b’diżabbiltà, minn sfondi ta’ minoranza, għat-tfal migranti u għaż-żgħażagħ li jitilqu mill-kura
- Li jinstemgħu f’deċiżjonijiet li jaffettwaw ħajjithom fl-iskola, fil-komunitajiet u fis-servizzi – b’modi siewja u inklużivi li jwasslu għal bidla li tidher

Sommarju: X’qalu t-tfal dwar il-faqar u l-inklużjoni soċjali
Il-ħajja fl-iskola
- X’qalu t-tfal
- Mhux it-tfal kollha jibbenefikaw bl-istess mod mill-ħajja skolastika - il-kostijiet għall-ħarġiet, l-attivitajiet u t-tagħmir huma ostaklu ewlieni, anke meta l-edukazzjoni skolastika tkun formalment bla ħlas
- L-appoġġ għat-tagħlim mhuwiex uniformi, hemm pressjoni marbuta mat-testijiet u l-eżamijiet, klassijiet kbar u risponsi inkosistenti għall-bullying u d-diskriminazzjoni. Dawn jaffettwaw il-ħila tat-tfal li jitgħallmu, iħossuhom sikuri u jieħdu sehem b’mod sħiħ fil-ħajja skolastika
- Hemm dewmien u lakuni fl-appoġġ għal tfal b’diżabbiltà u bżonnijiet addizzjonali, u diffikultajiet biex il-pjanijiet formali jinbidlu fi prattika ta’ kuljum
- X’talbu t-tfal
- Azzjoni aktar b’saħħitha kontra l-bullying, id-diskriminazzjoni u kundizzjonijiet mhux sikuri fl-iskejjel (kif ukoll fl-ambjenti tal-kura tas-saħħa, fid-djar, fil-viċinati)
- L-użu tal-iskejjel bħala rotta ewlenija għall-appoġġ u l-prevenzjoni
- Servizzi bħal counsellors, infermiera u appoġġ għat-tagħlim ikunu disponibbli b’mod konsistenti għall-apprendiment, l-aċċess għall-kura tas-saħħa, l-ikel, u li t-tfal jingħataw aċċess għal adulti ta’ fiduċja

Jien batejt mill-bullying, u ma rridx li ħaddieħor jgħaddi mill-esperjenza trawmatika li jġib miegħu. Allura, biex intejbu l-ambjent tal-iskola, għandna ngħallmu lit-tfal minn età żgħira li l-bullying huwa ħażin u li jista’ jweġġa’ lil dawk ta’ madwarna.
Kura tas-saħħa, akkomodazzjoni u ikel
- Aċċess għall-kura tas-saħħa
- Il-ħinijiet ta’ stennija twal, l-ostakli għall-ivvjaġġar, u l-kostijiet għas-servizzi bħal dentisti u terapiji jaggravaw il-problemi u qed iżidu l-inugwaljanza
- L-appoġġ għas-saħħa mentali mhuwiex disponibbli b’mod uniformi u jieħu żmien twil biex jiġi aċċessat, inkluż fl-iskejjel
- It-tfal spiss qalu li mhux dejjem ikunu jafu fejn għandhom imorru għall-għajnuna, speċjalment jekk il-ġenituri ma jkunux jistgħu jieħdu azzjoni
- Akkomodazzjoni adegwata
- It-tfal iddeskrivew l-akkomodazzjoni bħala pedament bażiku għas-sikurezza, id-dinjità, is-saħħa u l-apprendiment
- It-tħassib ewlieni tagħhom kien pressjonijiet fuq l-affordabbiltà, il-kostijiet tal-kiri u tal-utilitajiet, ir-riskji li jispiċċaw mingħajr dar, u żgħażagħ li jitilqu mill-kura mingħajr appoġġ suffiċjenti għall-akkomodazzjoni
- Xi tfal kellhom tħassib dwar in-nuqqas ta’ sigurtà, il-kundizzjonijiet ħżiena tal-akkomodazzjoni u l-aċċess inugwali, b’mod partikolari għat-tfal foqra, fil-kura alternattiva jew minn gruppi emarġinati
- Akkomodazzjoni ta’ kwalità ħażina tfisser djar kesħin, umdużi, binjiet mhux sikuri, wisq persuni fl-istess dar u nuqqas ta’ privatezza
- Ikel tajjeb għas-saħħa
- It-tfal iddeskrivew l-aċċess għall-ikel tajjeb għas-saħħa bħala essenzjali, iżda mhux aċċessibbli għat-tfal kollha kuljum
- Dawn semmgħu leħinhom dwar lakuni fir-rigward ta’ ikliet tal-iskola bla ħlas, provvista tal-ikel għal studenti akbar fl-età u l-aċċess meta l-iskola tkun magħluqa
- It-tfal rabtu l-aċċess inugwali għall-ikel tajjeb għas-saħħa mal-introjtui tal-unità domestika, il-kost ogħla tal-ikel aktar tajjeb għas-saħħa u l-kwalità limitata jew ħażina tal-ikel ipprovdut fl-iskola
- Il-kwalità, il-varjetà u t-togħma tal-ikel ġew deskritti bħala li jaffettwaw jekk it-tfal jiklux effettivament l-ikel ipprovdut

It-tfal kollha jistħoqqilhom dar, internet, ikel, riżorsi, kura tas-saħħa u edukazzjoni irrispettivament mill-grupp etniku, reliġjuż jew xi grupp ieħor, iżda mhux it-tfal kollha jkollhom dawn - dan irid jinbidel.
X’ġara wara?
- Il-kontribut ipprovdut mit-tfal ġie rieżaminat flimkien mal-informazzjoni mill-adulti minn kull pajjiż tal-UE.
- Dan intuża biex tiġi rieżaminata l-Garanzija Ewropea għat-Tfal u se jtejjeb il-pjanijiet nazzjonali fil-pajjiżi kollha tal-UE.
- Strengthening the European Child Guarantee 2026 (bl-Ingliż)
- Xi jmiss: verżjoni tal-Garanzija adattata għat-tfal, fil-lingwi kollha tal-UE, sabiex it-tfal kollha tal-UE jkunu jistgħu jifhmu faċilment x’qed tagħmel l-UE dwar il-faqar u l-inklużjoni soċjali.
Jekk għadek taħt it-18-il sena u għandek bżonn titkellem ma’ xi ħadd dwar kif qed tħossok, jekk jogħġbok tkellem ma’ adult ta’ fiduċja jew ċempel il-helpline għat-tfal f’pajjiżek. Dawn jistgħu jipprovdulek l-għajnuna u l-appoġġ li għandek bżonn.
